F’żewġ każijiet separati iżda relatati, ittellgħu quddiem il-Qorti żewġt irġiel li ġġieldu u ħebbu għal xulxin ġewwa bar fil-Belt Valletta fil-jum tal-Ġimgħa għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar.
Skont il-prosekuzzjoni, il-ġlieda bdiet barra l-bar, kompliet ġewwa l-bar u reġgħet sabet ruħha barra l-bar.
Fost l-akkużati hemm Wayne Falzon ta’ 37 sena minn Birkirkara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi fil-konfront tiegħu, allegatament kien fil-bar meta t-tieni akkużat waqaf bil-karozza tiegħu quddiem il-bar u minn hawnhekk qamet kommossjoni.
Falzon sofra numru ta’ ġrieħi ħfief fuq wiċċu u talab għal assistenza medika fuq il-post u saħansitra ġie arrestat fuq il-post.
L-avukat tad-difiża Nicholas Mifsud talab għall-ħelsien mill-arrest, liem talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni fejn qalet li hemm numru ta’ xhieda pajżana li għad iridu jixhdu u ntralċ ta’ provi Hawnhekk l-avukat Mifsud sostna li l-prova regina tistrieħ fuq filmati tas-sigurtá u għaldaqstant ix-xhieda se jkunu qed jikkonfermaw biss dak li jidher fil-filmati. Minkejja dan l-prosekuzzjoni qalet li peress li l-ġlieda seħħet f’partijiet differenti, hemm biċċiet minnha li mhumiex koperti mill-filmati.
Il-Qorti fil-każ ta’ Wayne Falzon ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
It-tieni imputat involut f’dan il-każ huwa Morat Abdikadir Mohammed Naswan, Libjan li għandu 32 sena u li joqgħod il-Belt Valletta. Hawnhekk il-prosekuzzjoni rrakkontat li dan l-imputat b’liċenzja sospiża, saq karozza, waqaf quddiem il-bar li fih kien hemm l-ewwel imputat u ħebb għalih.
Il-prosekuzzjoni kompliet tgħid li t-tieni imputat ħarab minn fuq il-post u baqa’ sejjer fil-polyclinic tal-Furjana fejn hemmhekk ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
L-avukat tad-difiża Franco Debono kkontesta l-validitá tal-arrest u saħansitra talab lill-Qorti sabiex l-ispettur jitla’ jixhed fuq il-pedana bil-ġurament. Hawnhekk l-Ispettur Kevin Pulis reġa’ rrakkonta x’wassal għall-arrest tal-imputat f’aktar dettall. Wara x-xhieda tiegħu, Dr Debono ma baqax jikkontesta l-validitá tal-arrest.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi li hemm fil-konfront tiegħu li jinkludu l-ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest ta’ erba’ każijiet differenti u apparti hekk saret talba għall-ħelsien mill-arrest min-naħa tad-difiża, liem talba wkoll ġiet oġġezzjonata. L-avukat Franco Debono qal li f’dan il-każ, qed nitkellmu fuq ġrieħi ta’ natura ħafifa. Dan filwaqt li l-prosekuzzjoni reġa’ sostna fuq il-kwistjoni ta’ intralċ ta’ provi fost oħrajn.
Fil-każ ta’ Morat Naswan, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ukoll.