Wayne Buttigieg ta’ wieħed u erbgħin sena u Jesmond Gillard ta’ tmienja u ħamsin sena li jgħixu l-Mellieħa, baqgħu jinżammu taħt arrest wara li tressqu l-Qorti mixlija bi traffikar tad-droga.
Fil-Qorti nstema’ kif l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga fi ħdan il-Korp tal-Pulizija rċeviet informazzjoni konfidenzjali li Buttigieg huwa parti minn ċirku tat-traffikar tad-droga, u wara xi osservazzjonijiet, il-Pulizija waqfet liż-żewġ akkużati. Jidher li fil-karozza li kienu fiha nstabu erba’ pakketti sustanza suspettata kokaina, u tmien pakketti tal-istess sustanza nstabu fuq Buttigieg.
B’kollox kien hemm madwar tliet mija u ħamsin gramma.
Fil-Qorti ntqal ukoll li fid-dar ta’ Buttigieg allegatament instabu wkoll kważi għaxart elef ewro flus kontanti. Intqal ukoll kif fil-passat l-akkużat kien diġà nstab ħati ta’ traffikar tad-droga.
Fid-dar ta’ Jesmond Gillard instabu aktar sustanzi suspettużi, kif ukoll affarijiet li jindikaw it-traffikar tad-droga. B’kollox instab nofs kilo droga b’rabta ma’ dan il-każ, b’valur ta’ sebgħa u għoxrin elf ewro.
L-imputati ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest minħabba biża’ serja ta’ intralċ tal-provi, kif ukoll li għad hemm xhieda li jridu jixhdu u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
L-assi taż-żewġ imputati ġew iffriżati.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/08/15/zewgt-irgiel-arrestati-brabta-ma-sejba-ta-madwar-nofs-kilo-droga-kokaina-se-jitressqu-l-qorti-dalghodu/
Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.