Tyson Bugeja ta’ sitta u għoxrin sena mill-Birgu u David Joseph Bonnici ta’ erba’ u tletin sena minn Ħaż-Żabbar baqgħu jinżammu arrestati wara li ġew akkużati b’serq minn diversi ħwienet f’Raħal Ġdid, iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar u San Ġwann.
L-akkużati ġew mixlija ukoll li ġarrew arma waqt it-twettiq tal-allegat reat.
Bugeja ġie mixli wkoll li ġarr sikkina fil-pubbliku mingħajr permess tal-pulizija u li kiser il-kundizzjonijiet imposti mill-Qrati f’sentenzi preċedenti.
L-irġiel wieġbu mhux ħatja għal dawn l-akkużi u talbu għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba u saħqet li r-reati li kienu allegatament wettqu dawn l-irġiel kienu ħolqu wkoll biża’ fost l-impjegati tal-ħwienet fil-mira tal-ħallelin.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Maġistrat Astrid May Grima ċaħdet it-talbiet għall-ħelsien mill-arrest fid-dawl tan-natura gravi tal-akkużi miġjuba kontra l-akkużati, kif ukoll in-numru kbir ta’ xhieda ċivili li għad iridu jixhdu.
Fir-rigward ta’ Bonnici, il-Qorti, wara li rat ċertifikat mediku esebit fl-atti, għamlet rakkomandazzjoni lid-Direttur tal-ħabs biex jinżamm arrestat fit-Taqsima Forensika fl-isptar Monte Karmeli.