Żewġt irġiel li jgħixu San Pawl il-Baħar inżammu arrestati b’rabta ma’ serqiet minn żewġ banek tal-lottu, f’Birkirkara u f’Burmarrad.
L-akkużati huma Dejan Mrvos ta’ 45 sena u jaħdem bħala kok, u Ali Ahmad ta’ 43 sena u li jaħdem għall-rasu.
Fil-Qorti l-akkużi tressqu b’mod separat. Mrvos ġie akkużat li seraq mill-banek tal-lottu, kif ukoll li kien fil-pussess ta’ sikkina waqt l-allegat serqiet. Imbagħad, Ali Ahmad ġie akkużat b’kompliċità ma’ Mrvos.
Dan hekk kif il-Prosekuzzjoni spjegat fil-Qorti kif kien qed jistennih barra sabiex jitilqu minn fuq il-post permezz ta’ vann.
Kien l-istess vann li wassal lill-Pulizija għall-arrest tal-akkużati hekk kif il-Pulizija sabu l-vann ipparkjat fl-istess lokalità ta’ fejn jgħixu huma. Dan wassal biex Ali Ahmad ġie arrestat f’San Pawl il-Baħar stess u l-akkużat l-ieħor instab fil-Mosta.
Għalkemm l-akkużati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, il-Maġistrat Charmaine Galea talbet li jinżammu arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Brandon Bonniċi mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Stephen Gulia, Keith Rizzo u Joseph Mallia.
Dan filwaqt li Mrvos qed jiġi rrapreżentat mill-Avukat Silvan Pulis u Ahmad qed jiġi rrapreżentat mill-Avukati Franco Debono u Charles Mercieca.