Żewġt irġiel ittieħdu l-Isptar wara li weġġgħu f’inċidenti separati tat-traffiku, matul il-jum tas-Sibt.
L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tas-siegħa u kwart ta’ waranofsinhar, fi Triq Sant’Antnin, Marsaskala. Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn mutur misjuq minn raġel ta’ 56 sena residenti Marsaskala u karozza misjuqa minn mara ta’ 34 sena residenti l-Fgura.
It-tieni inċident ġara għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija, fi Triq ir-Rabat, iż-Żebbuġ, Għawdex. Mill-istħarriġ li sar jidher li seħħet ħabta bejn mutur u vettura.
Tim mediku ta l-assistenza fiż-żewġ inċidenti u sewwieqa tal-muturi ttieħdu l-Isptar b’ambulanza, fejn ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.