Żewġt irġiel, wieħed ta’ 59 sena mill-Qrendi u ieħor ta’ 54 sena minn San Pawl il-Baħar weġġgħu gravi f’inċidenti tat-traffiku separati.
L-ewwel inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-4.30 ta’ waranofsinhar fi Triq Reġjonali, Santa Venera.
Ir-raġel ta’ 59 sena kien involut f’ħabta bil-mutur li kien qed isuq tal-għamla Kymco Agility ma’ Toyota Aygo misjuqa minn mara ta’ 33 sena minn Marsaxlokk.
It-tieni inċident seħħ għall-ħabta tad-9.00 ta’ filgħaxija fi Triq il-Missjunarji Maltin, il-Mosta.
Ir-raġel ta’ 54 sena li kien qed isuq mutur Honda WW125 kien involut f’ħabta ma’ BMW misjuq minn mara ta’ 25 sena mill-Belt Valletta.
Iż-żewġt irġiel ingħataw l-ewwel għajnuna minn tim mediku fuq il-post u wara ttieħdu l-Isptar Mater Dei.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar dawn iż-żewġ inċidenti.