Żewġt irġiel wieħed ta’ 30 u 23 sena weġġgħu gravi f’inċident tat-traffiku f’Marsaskala.
Kienu għall-ħabta ta’ nofsillejl meta l-Pulizija, li kienu fuq ronda fi Triq Sant’ Antnin, innutaw vettura fuq bankina u diversi persuni li kellhom bżonn l-assistenza minħabba inċident tat-traffiku li kien seħħ ftit tal-ħin qabel.
Mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li ġuvni ta’ 22 sena minn Santa Venera tilef il-kontroll tal-karozza Ford Fiesta li kien qed isuq u ħabat ma’ arblu, b’konsegwenza li ntlaqat raġel ta’ 30 sena li joqgħod San Pawl il-Baħar li kien fuq il-bankina.
Fil-karozza kien hemm żewġ tfajliet ta’ 22 sena minn Ħaż-Żabbar u Marsaskala kif ukoll ġuvni ta’ 23 sena li joqgħod Marsaskala.
Fuq il-post issejjaħ immedjatament tim mediku sabiex jassisti. Il-passiġġieri tal-Ford Fiesta kif ukoll lir-raġel ta’ 30 sena ttieħdu l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
It-tfajliet ġew iċċertifikati bi ġrieħi ħfief.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq l-inċident.