Dalgħodu, għall-ħabta tal-għaxra u nofs, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tattraffiku fil-Marsa-Ħamrun bypass.
Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li raġel ta’ 26 sena residenti l-Marsa li kien qed isuq mutur Surron LightBee sofra xi ġrieħi meta kien involut f’inċident ma’ Daihatsu Mira misjuqa minn raġel ta’ 51 sena residenti Ħaż-Żebbuġ u ma’ Peugeot Expert misjuq minn raġel ta’ 44 sena residenti tas-Sliema.
Aktar tard għall-ħabta tan-nofsiegħa il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident ieħor fi Triq Aldo Moro, il-Marsa.
Raġel ta’ 51 sena residenti x-Xagħajra li kien qed isuq mutur Kymco ġarrab xi ġrieħi f’inċident ma’ Toyota Passo misjuqa minn raġel ta’ 41 sena residenti Ħaż-Żabbar.
Tim mediku assista liż-żewġ xufiera li kienu bil-mutur u ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-aktar assistenza medika fejn ġew iċċertifikati bi ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dawn l-inċidenti għadhom għaddejjin.