Żewġt irġiel qed isofru minn ġrieħi serji wara inċident tat-traffiku f’Santa Venera.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħamsa neqsin kwart ta’ waranofsinhar fi Triq Reġjonali f’Santa Venera.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn Suzuki Alto misjuqa minn raġel ta’ 49 sena mill-Furjana u Honda Jazz, misjuqa minn raġel ta’ 43 sena mill-Belt Valletta.
Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu. Ix-xufier tas-Suzuki Alto u passiġġier li kien fl-istess karozza, raġel li l-identita` tiegħu għadha mhux magħrufa, ittieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard, huma ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia LL.D ġie nfurmat bil-każ u ħatar inkjesta filwaqt li linvestigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun għadhom għaddejjin.