Jonathan Degiorgio ta’ 33 sena li joqgħod Santa Venera u Juanito Jimenez ta’ 25 sena mill-Ħamrun instabu ħatja li wettqu serqa minn dar fin-Nadur. L-akkużati serqu €1,300 minn dar lura fis-26 ta’ Awissu 2018 waqt li s-sidien tad-dar kienu barra.
L-imputati ngħarfu wara li s-sid innota żewġ karozzi fil-viċinanzi tad-dar hu u ħiereġ filwaqt li persuna li kienet għaddejja mit-triq rathom ħerġin mid-dar. Fiż-żewġ proċeduri separati fil-konfront tal-akkużati, l-Qorti t’Għawdex semgħet kif ftit tal-ħin wara s-serqa l-akkużati nefqu iktar minn €300 minn ristorant f’Marsalforn.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud ikkundannat lil Jonathan Degiorgio għal tliet snin priġunerija u lil Juanito Jimenez għal erba’ snin priġunerija minħabba li dan tal-aħħar huwa wkoll riċediv.
Dan filwaqt li ġew ordnati iħallsu s-somma ta’ elf u tmenin ewro u tnejn u tmenin ċenteżmu kull wieħed fi spejjeż peritali, filwaqt li jħallsu nofs l-ammont misruq kull wieħed fi żmien sitt xhur.