Żewġt irġiel ġew immultati mitejn u ħamsin ewro kull wieħed wara li lbieraħ, instabu ħatja li għamlu użu minn kopji ta’ Blue Badges li kienu nħarġu lill-ġenituri tagħhom.
Fl-ewwel każ, żagħżugħ t’għoxrin sena mis-Swieqi nqabad juża Blue Badge falza li ġiet innutata minn uffiċjali tal-Pulizija li kienu għaddejjin waqt ronda f’San Ġiljan. Dawn issuspettaw li l-Blue Badge li kien hemm fil-vettura taż-żagħżugħ ipparkjata f’post riservat għal nies b’diżabilità, setgħet kienet falza.
Wara aktar investigazzjonijiet mal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, irriżulta li l-Blue Badge kienet fil-fatt falza u kienet kopja bid-data mbagħbsa għaliex l-oriġinali kienet inħarġet għal omm iż-żagħżugħ.
Fit-tieni każ, is-CRPD irċeviet rapport mill-pubbliku li persuna li ma tidhirx li kellha diżabilità, kienet qed tuża Blue Badge.
L-uffiċjali tal-infurzar tal-Kummissjoni marru fuq il-post u nnutaw li l-Blue Badge użata kienet irrappurtata li kienet misruqa jew mitlufa.
Wara li sar rapport fl-għassa ta’ San Ġiljan ġie stabbilit li l-Blue Badge li kien qed juża raġel ta’ sebgħa u tletin sena minn Tas-Sliema kienet bil-ġurnata mbagħbsa ta’ dik li nħarġet lil missieru u ġiet irrappurtata misruqa jew mitlufa lill-Pulizija.
Fiż-żewġ każijiet, il-Maġistrat Ian Farrugia sab lill-akkużati ħatja u tahom multa ta’ mitejn u ħamsin ewro kull wieħed.