Żewġt irġiel tressqu l-Qorti t’Għawdex akkużati li kisru l-bon ordni u l-paċi pubblika, u li kkawżaw ġrieħi ħfief lil xulxin b’mod volontarju.
Il-każ seħħ nhar is-7 ta’ Ottubru fi Triq l-Imgħallem, ir-Rabat Għawdex meta raġel ta’ 28 sena residenti ż-Żurrieq seraq ċavetta ta’ vettur privata u għamel mossi oxxeni fil-pubbliku. L-akkużat l-ieħor, li għandu 27 sena u jgħix ix-Xagħra Għawdex, għamel ħsara fuq vettura ta’ persuna oħra u weġġa’ u hedded persuna oħra.
L-akkużati wieġbu ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom. Ir-raġel ta’ 27 sena ngħata l-libertà proviżorja taħt diversi kundizzjonijiet għal sentejn u kien ordnat iħallas €800 ewro fi żmien sitt xhur. Ir-raġel ta’ 28 sena ukoll ingħata l-libertà proviżorja taħt diversi kundizzjonijiet għal 18-il xahar u ġie ordnat jirritorna lura ċ-ċavetta li seraq fi żmien xahar.