Raġel ta’ 45 sena u mara ta’ 46 sena qed isofru minn ġrieħi gravi wara li baqgħu deħlin ġo siġra f’Raħal Ġdid.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4:15 ta’ dalgħodu fi Vjal Sir Paul Boffa, f’Raħal Ġdid, meta għal xi raġuni ir-raġel ta’ 45 sena mill-Mosta tilef il-kontroll tal-karozza tal-għamla Mazda Demio u baqa’ dieħel ġo siġra.
Fuq il-post immedjatament issejħu l-pulizija flimkien ħaddiem tal-Protezzjoni Ċivili u ambulanza b’tim mediku li ħadu lill-koppja l-Isptar Mater Dei għal aktar kura, fejn ftit wara ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.