Raġel ta’ tlieta u għoxrin sena u ieħor ta’ wieħed u tletin sena ġew arrestati wara li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija ppuntaw lejn iż-żewġt irġiel bħala s-suspettati ewlenin wara żewġ serqiet.
L-ewwel serqa seħħet fis-7 ta’ Marzu, hekk kif għall-ħabta tal-ħamsa u kwart ta’ waranofsinhar, il-Pulizija daħlitilha rapport li żewġ persuni mhux identifikati wettqu serqa minn lukanda fi Triq Sant’Orsla fil-Belt Valletta.
Fid-9 ta’ Marzu, il-Pulizija ġiet infurmata li matul il-lejl, seħħet serqa minn ħanut fi Triq il-Merkanti.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżluta li ż-żewġ serqiet allegatament seħħew mill-istess
persuni. Minn hemm bdiet it-tfittxija għalihom, u ġew arrestati lbieraħ filgħaxija f’residenza fil-Belt Valletta.
Huma se jitressqu l-Qorti aktar tard illum għall-ħabta tas-siegħa u nofs.
Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta mal-każ għadhom għaddejjin.