Waqt diversi rondi mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, ġew arrestati żewġt irġiel b’rabta ma’ pussess tad-droga.
L-arresti saru s-Sibt filgħaxija għall-ħabta tas-sebgħa, meta l-Pulizija raw żewġ persuni jaġixxu b’mod suspettuż fl-akkwati ta’ Ġnien Spencer fil-Marsa.
Fi tfittxija li saret fuq wieħed mill-irġiel, ta’ sebgħa u tletin sena min-Niġer li jgħix Wied il-Għajn, instabu għaxar qratas b’sustanza suspettata droga kannabis, allegatament biex jiġu traffikati.
Fuq ir-raġel l-ieħor, ta’ erbgħa u għoxrin sena min-Niġerja, instabet sustanza suspettata droga kannabis.
Iż-żewġt irġiel ġew arrestati u qed jinżammu fil-lock-up tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
F’iżjed rondi mill-istess taqsima tal-Pulizija f’diversi toroq u ġonna fil-Marsa u l-Ħamrun, inħarġu numru ta’ kontravenzjonijiet fosthom lil persuna li ma kinitx liebsa maskra, persuna oħra li kienet qed tixrob l-alkoħol fit-triq, u dwar ksur ta’ regolamenti tat-traffiku.