Bulgaru ta’ 31 sena u Ukren ta’ 29 sena ġew arrestati f’residenza f’Buġibba wara li l-bieraħ għall-ħabta tal-ħamsa ta’ filgħodu daħlu żewġt irġiel barranin fl-għassa tal-Qawra jallegaw li ġew aggrediti.
Wieħed mill-irġiel kellu d-demm ħiereġ minn wiċċu u rasu u allegaw li kienu attakkati b’oġġett minn xi persuni fi Triq il-Kavetta, f’Buġibba.
Wieħed mill-irġiel intilef minn sensieh u waqa’ fl-art. Issejħet ambulanza minnufih li ħadet lill-irġiel l-isptar fejn wieħed ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi filwaqt li r-raġel l-ieħor sofra ġrieħi ħfief.
Minn hawn skattat tfittxija għall-allegat aggressuri li ġew arrestati aktar kmieni llum.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija f’dan il-każ għadhom għaddejjin u qed jitmexxew mill-Pulizija mill-Għassa tal-Qawra.