F’jum wieħed, żewġ persuni ġew arrestati f’żewġ operazzjonijiet separati, hekk kif issoktat il-ħidma tal-Pulizija fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, b’rabta ma’ importazzjoni, traffikar u kultivazzjoni tad-droga f’Malta.
Rumen ta’ sebgħa u tletin sena ġie arrestat wara li nstab fil-pussess ta’ ħmistax-il kilo droga suspettata kokaina għas-suq lokali, b’valur fis-suq li jlaħħaq iż-żewġ miljun ewro.
Din is-sejba saret wara li l-Pulizija identifikat vettura li kienet għadha kif waslet Malta bil-katamaran minn Sqallija, li allegatament kienet qed iġġorr pakketti bil-kokaina.
Wara tfittxija li saret fil-vettura, is-suspett irriżulta fil-pożittiv, fejn f’kompartamenti foloz instabu moħbija ħmistax-il pakkett bid-droga.
F’operazzjoni oħra fil-Mellieħa ġie arrestat Serb ta’ sitta u tletin sena b’rabta ma’ investigazzjoni relatata ma’ kultivazzjoni tal-kannabis f’residenza li nbidlet f’post biex titkabbar il-kannabis.
Wara osservazzjoni, il-Puizija daħlu fir-residenza fejn instabu aktar minn mija u ħamsin siġra mdaqqsin tal-kannabis, bl-intenzjoni li d-droga, li tiġi tammonta għal madwar tmenin kilo, meta tkun imnixxfa, tinbiegħ fis-suq lokali.
B’rabta maż-żewġ każijiet hemm inkjesta Maġisterjali u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.