Wara ġimgħat ta’ investigazzjonijiet, il-Pulizija arrestat żewġt irġiel Maltin, li huma maħsuba li jiffurmaw parti minn allegat ċirku ta’ kriminalità organizzata b’rabta ma’ importazzjoni minn barra minn Malta ta’ għasafar protetti, kif ukoll l-ibbalzmar illegali tal-istess speċi.
Iż-żewġt irġiel, wieħed ta’ tnejn u erbgħin sena miż-Żurrieq u l-ieħor ta’ sebgħa u ħamsin sena mill-Gudja, ġew arrestati aktar kmieni din il-ġimgħa f’żewġ tfittxijiet li saru fl-istess ħin fir-residenzi tagħhom.
Miż-żewġ residenzi, il-Pulizija elevat seba’ snieter u madwar elfejn u ħames mitt speċi li kienu diġà bbalzmati.
Fit-tfittxijiet li saru fir-residenza tar-raġel fiż-Żurrieq, il-Pulizija kkonfiskat aktar minn mitt karkassi ta’ diversi speċi protetti li kienu ffriżati lesti biex jiġu bbalzmati.
Instab ukoll karkassa ta’ African Genet li huwa mammiferu protett, ukoll lest biex jiġi bbalzmat.
Fl-istess waqt, fit-tfittxija fir-residenza tar-raġel l-ieħor fil-Gudja, instabu erbgħin karkassa ta’ għasafar fi friża.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.