Żewġt irġiel ta’ disgħa u tletin u tnejn u tletin sena mistennija jittellgħu l-Qorti wara li ġew arrestati mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri b’rabta ma’ serqa minn residenza.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħaxija fl-erbgħa u għoxrin ta’ Lulju li għadda fejn insterqu ammont ta’ ġojjelli u flus kontanti minn dar fi Triq San Mikiel f’Birżebbuġa.
Fi stqarrija l-pulizija spjegat li rnexxielha tidentifika l-allegati ħallein wara diversi jiem ta’ investigazzjoni u analiżi fosthom ta’ filmati minn kameras tas-sigurtà.