Raġel ta’ 36 sena li jgħix Ħaż-Żabbar u Taljan ta’ 47 li jgħix il-Fgura ġew arrestati wara li nqabdu jisirqu minn sit ta’ kostruzzjoni f’Wied il-Għajn.
Il-każ seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar, xħin il-pulizija ġiet infurmata li hemm xi persuni suspettużi fi blokka li qed tinbena fi Triq Ġużeppi Lanzon.
Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett flimkien mal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, fejn sabu liż-żewġ irġiel iġorru karru li fuqu kien hemm diversi għodda u ġew arrestati.
Wara aktar tfittxijiet fid-djar tal-akkużati, il-pulizija sabu għodda u affarijiet oħra, li nsterqu minn sit ta’ kostruzzjoni ieħor fi Triq il-Maħsel f’Wied il-Għajn, nhar l-Erbgħa li għadda.