Żewġt irġiel, wieħed ta’ 32 sena minn Raħal Ġdid u ieħor ta’ 43 sena mill-Imqabba ġew arrestati b’rabta ma’ argument li seħħ fil-Gżira fit-3 ta’ Novembru li għadda.
Fi stqarrija mill-Pulizija ntqal li waqt dan l-argument seħħ bejn tlett irġiel. B’wieħed minnhom allegatament spara fid-direzzjoni tal-vittma, waqt li raġel ieħor, li kien fil-kumpanija tal-allegat aggressur, ħarbu minn fuq il-post.
Wara investigazzjonijiet intensivi mill-Pulizija, iż-żewġt irġiel ġew identifikati u għaldaqstant kompliet it-tfittxija għalihom.
Ilbieraħ waranofsinhar, il-Pulizija kellha informazzjoni fejn setgħu kienu, segwewhom, sakemm għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija ġew iċċirkondati f’Birkirkara.
Dawn iż-żewġt irġiel ġew arrestati u qegħdin jassistu lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet.
L-Inkjesta Maġisterjali u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.