Matul il-jum tal-Ħadd, waqt rondi tal-pulizija fil-lokalitajiet tal-Marsa u l-Belt Valletta ġew arrestati żewġt irġiel b’rabta ma’ allegat traffikar tad-droga.
Fi Triq Patri Feliċjan Bilocca fil-Marsa ġie arrestat Niġerjan ta’ sebgħa u għoxrin sena li kien qed jaġixxi b’mod suspettuż.
Meta avviċinawh il-pulizija, ir-raġel deher jarmi kalzetta qalb is-siġar li fiha nstabu tlettax –il pakkett lesti biex jiġu traffikati b’sustanza li aktarx hija kannabis u mitejn, ħamsa u għoxrin ewro fi flus kontanti.
Fi tfittxija fir-residenza tar-raġel instabu oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga, fost oħrajn miżien, pakketti żgħar vojta u madwar disa’ mitt ewro fi flus kontanti.
Intant f’każ separat, il-pulizija arrestat raġel ta’ erbgħa u tletin sena fi Triq il-Kapuċċini fil-Furjana wara li l-pulizija nnutat karozza li kienet irrapportata nieqsa.
Ir-raġel prova jaħrab iżda ġie arrestat minnufih u waqt tfittxija li saret instabu tlettax –il qartas b’sustanza suspettata kokaina flimkien ma’ tlett mitt ewro.
Fi tfittxija fir-residenza tiegħu nstabu madwar tmien mitt ewro fi flus kontanti u miżien elettroniku.