Matul il-lejl li għadda, li kien ikkaratterizzat minn xita qliel u riħ qawwi, żewġt ikmamar fir-Residenza San Vinċenz de Paul intlaqtu minn dħul ta’ ilma.
Fi stqarrija r-Residenza spjegat kif it-tmexxija tal-istess Residenza, taħt il-gwida tal-kap eżekuttiv, immedjatament talbet analiżi ta’ perit indipendenti li ċċertifika li s-saħħa tal-maltemp wassal biex ammont ta’ ilma għadda minn fili rqaq li jistgħu jiżviluppaw f’binjiet simili.
Il-ħsarat kienu minimi, u mhux strutturali. It-tmexxija tirrimarka li, malli daħal l-ilma, it-8 residenti taż-żewġ kmamar milquta ġew minnufih trasferiti f’kamra oħra tal-istess swali tagħhom.
L-interessi tar-residenti ġew imħarsa f’kull ħin u ma kien hemm l-ebda kompromess fuq il-livell ta’ kura mogħtija.
It-tmexxija ta’ SVPR tirringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-professjonalità u d-dedikazzjoni tagħhom lejn ir-residenti. Tirringrazzja wkoll lill-grupp ta’ manutenzjoni u lill-periti li ħadmu biex it-tiswijiet meħtieġa jsiru mill-iktar fis possibli.
Il-management tar-residenza qal li jinsab kommess li jkompli jinvesti fl-infrastruttura wara li fl-aħħar 5 snin saru 11-il sala ġdida, tlestiet l-ewwel parti, u diġà beda t-tieni parti tar-rinovar estensiv fil-kumpless Rużar Briffa. Dawn huma proġetti li se jkompli jagħtu dinjità lill-anzjani tagħna.