Żewġt iklieb li kienu miżmumin fuq ċinga ma sidthom spiċċaw fil-mira ta’ attakk wara li kelb ieħor li kien ma’ sidu iżda mhux miżmum fuq ċinga attakkahom bil-konsegwenza li kkaġunalhom feriti li kellhom bżonn jagħmlu l-punti.
Sidthom f’messaġġ irringrazzjat lil dawk li kienu preżenti u kienu ta’ għajnuna f’dan il-mument xokkanti għaliha meta waqt li kienet bil-klieb tagħha, spiċċaw ġew attakkati minn kelb tar-razza German Sheperd fiż-Żebbuġ f’Għawdex.
Hi appellat għal dawk kollha li joħorġu lill-kelb tagħhom fuq mixja biex dejjem iżommuhom fuq ċinga sabiex jiġu evitati inċidenti bħal dawn u biex ħadd ma jispiċċa jbati.
Spjegat kif fortunatament il-klieb tagħha ma ġarrbux ġrieħi serji ħafna u wara żjara għand il-veterinarju, għamlu l-punti u jmisshom żjara oħra biex tiġi assigurata s-saħħa tal-klieb.
Sostniet kif minkejja li s-sid tal-kelb li attakahom se jkun qed iħallas il-kont tal-veterinarju, kemm hi kif ukoll il-klieb għadhom fi stat ta’ xokk u hi tinsab iddispjaċuta li l-klieb tagħha kellhom jgħaddu minn din l-esperjenza tant kerha.