Raġel ta’ 34 sena miż-Żurrieq, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, qed iwieġeb mhux ħati, wara li ġie mixli li hedded lis-sieħba tiegħu, permezz ta’ pistola, fil-preżenza taż-żewġ uliedu bniet, li m’għandhomx iżjed minn ħames snin.
Fil-Qorti ntqal it-tfal ta’ sentejn u ħames snin kienu mwerwrin għall-aħħar, bil-kbira saħansitra tirremetti bil-biża’ meta rat lil missierha jipponta pistola lejn ommha.
Il-mara qalet li l-imputat heddida li, jekk ma jkomplux bir-relazzjoni tagħhom, kien se jispiċċa joqtolha.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, hekk kif missier l-imputat qal li kien lest joqgħod b’seba għajnejn fuq ibnu. Din it-talba sabet l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni, minħabba n-natura tar-reat.
Dan filwaqt li l-arma li allegatament intużat baqgħet ma nstabitx.
F’Jannar li għadda, l-imputat kien wiegħed fil-Qorti li ma kienx se jerġa’ jirrikorri għall-vjolenza, wara li l-vittma kienet għażlet li taħfirlu.
Minbarra li l-Qorti ordnat li l-allegat aggressur jibqa’ jinżamm arrestat, saret ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma u l-ulied.