Il-Ħadd kompla l-Kampjonat Nazzjonali ta’ Hillclimb, fejn madwar sittin sewwieq ikkompetew kontra xulxin sabiex jitilgħu it-telgħa tal-Ġnejna fl-inqas ħin possibbli.
Fost is-sewwieqa kien hemm Kurt u Keith Camilleri, żewġt aħwa bl-istess passjoni.
Keith spjega ma’ dan l-istazzjon kif meta jkun fil-karozza waqt tellieqa, minkejja l-adrenalina, xorta jibqa’ ffukat.
Qal, “Dak il-ħin ma tantx ikollok ċans taħseb fuq ħafna affarjiet, però ovvjament tkun iffukat, tkun taf x’inti tagħmel l-aktar ħaġa importanti, u tieħu pjaċir.”
F’dan ir-rawnd partikolari, Kurt kellu ħinijiet aqwa minn ħuh, u b’hekk għandu l-vantaġġ fil-kampjonat.
Spjega, “Niġġieled għall-kampjonat ma’ ħija, jiġifieri qegħdin bl-istess ammont ta’ punti, illum min jirbaħ minna se jerġa’ jkun qiegħed jiddomina l-kampjonat, ovvjament fadal żewġ rawnds u ma tistax tgħid x’se jiġri. ”
Keith stqarr li għalkemm dan l-isport huwa wieħed kompetittiv, xorta hemm element ta’ ħbiberija bejn kull sewwieq.
Qal li dan jgħodd ukoll għalih u għal ħuh.
Qal, “Fl-aħħar mill-aħħar ikun hemm ir-rispett bejnietna. Nieħu pjaċir meta nirbaħlu, mhux se ngħidlek ma niħux pjaċir, però meta jgħaddini nifraħ li nkun qed nara lilu jieħu pjaċir, bħalma jista’ jkun nieħu pjaċir jien darb oħra.”