L-aħwa Rumeni Ionut-Iulian Tanase, ta’ 35 sena, u Dan-Andrei Tanase, ta’ 32 sena, baqgħu jinżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti mixlija bl-omiċidju ta’ Joseff Rivas nhar it-Tnejn li għadda f’San Ġiljan.
Huma tressqu l-Qorti l-Erbgħa filgħaxija u t-tnejn wieġbu li mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom. It-tielet suspettat ma ttellax il-Qorti għax jinsab rikoverat l-Isptar Mater Dei, u mistenni jitressaq il-Qorti l-Ħamis.
L-Ispettur Kurt Zahra qal lill-Qorti li, għal ħabta tat-3.20pm tat-Tnejn, daħlet telefonata għand il-pulizija li rrappurtat li xi ħadd kien qala’ daqqiet ta’ sikkina fi Triq Ross Paceville. Madankollu, ftit tal-ħin wara rċevew telefonata oħra li kienet tgħid li l-persuna kienet mietet kawża tal-ġrieħi li kienet ġarrbet u għalhekk skattat investigazzjoni dwar omiċidju.
Il-Pulizija elevat numru ta’ filmati minn kameras tas-sigurtà u li minnhom mill-ewwel deher li kien hemm diżgwid bejn xi persuni.
Fil-Qorti ntqal li waqt l-investigazzjoni l-Pulizija sabu li kienet għaddejja kriminalità organizzata b’rabta ma’ prostituzzjoni. FIl-fatt, ġew identifikati numru ta’ persuni li jaħdmu fil-prostituzzjoni u li wrewhom xi messaġġi li kienu juru li kellhom il-pjan li jaħarbu minn Malta. Permezz ta’ dawn il-messaġġi ġew identifikati l-postijiet fejn l-imputati setgħu kienu, iżda fil-5.30am l-imputati marru minn jeddhom l-għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan.
Waqt l-interogazzjoni ntqal li l-imputati kienu f’ħanut jieħdu kafè, meta ġew avviċinati minn persuni oħra, wieħed minnhom il-vittma. Minn filmati deher li qamet kommozzjoni bejn dawn il-persuni.
Id-difiża ma’ talbitx għall-ħelsien mill-arrest, iżda talbet sabiex it-tabib foFnsiku Mario Scerri, imqabbad fl-inkjesta, jeżamina u jieħu ritratti tal-feriti li ġarrbu l-imputati, b’mod speċjali dawk sofferti minn wieħed mill-imputati f’diversi partijiet ta’ rasu.
Il-prosekuzzjoni qalet li t-tabib Mario Scerri diġà għamel dan l-eżami, iżda d-difiża argumentat li hi ma kinitx preżenti waqt dan l-eżami. Il-prosekuzzjoni irriafermat li t-tabib kien invista lill-imputati.
Intant, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia, laqgħet it-talba tad-difiża u għalhekk ordnat sabiex il-verbal jiġi kkomunikat lit-tabib Mario Scerri sabiex jeżegwixxi t-talba tad-Difiża, dment li dak li ntalab kien għadu ma sarx.
Fuq it-talba tad-difiża, il-Qorti awtorizzat li jkun hemm komunikazzjoni bejn l-avukati difensuri u l-interpetu għal-lingwa Rumena biex jikkomunikaw mal-klijenti tagħhom, li ma jafux la bil-Malti u lanqas bl-Ingliż. Għalhekk, l-interpretu nħatret formalment mill-Qort biex tagħmel dan.
L-avukati Darlene Grima u Kylie Bonett dehru f’isem l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali, filwaqt li l-Prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispetturi Kurt Zahra u Daniel Xuereb.
Id-difiża hija mmexxija mill-avukati Franco Debono, Charmaine Cherrett, Jacob Magri u Arthur Azzopardi.