Fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni kontra żewġ t’aħwa Libjani li jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Libjan ieħor. Quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke ġie spjegat li l-vittma miet kawża ta’ ferita fonda f’kuxxtejh. Fouzi Fari Etwaish t’erbgħin sena tilef ħajtu f’Birkirkara, fil-lejl tal-ħamsa u għoxrin ta’ Novembru li għadda wara allegat argument ma’ żewġ Libjani.
L-imputati Siraj Shalgum ta’ sitta u tletin sena u Husain Saleh Belgasem Shalgum ta’ wieħed u tletin insistew li huma ma kinux involuti fl-argument mal-vittma u dan tal-aħħar tilef ħajtu wara li waqa’ t-taraġ. Dan minkejja li matul l-interrogazzjoni, wieħed mill-aħwa akkużati ammetta mal-pulizija li kien involut f’argument mal-vittma għax ma xtralux x’jiekol.
L-ispettur James Grech xehed li ftit wara t-tlieta ta’ filgħodu l-pulizija fl-Għassa ta’ Birkirkara ntalbu biex jagħtu l-għajnuna. Fil-Qorti ntqal ukoll li l-ġirien semgħu xi storbju u għajjat filwaqt li l-pulizija meta marret fuq il-post sabet xi sapun mad-dmija li ħarġet minn ġisem il-vittma. Hawnhekk il-pulizija saħqet li huwa maħsub li l-akkużati ppruvaw jneħħu d-demm biex dan ma jinużax bħala evidenza kontrihom. Intant minn filmati elevati minn kameras tas-sigurtà, il-pulizija spjegat li l-vittma deher jitgerbeb it-taraġ u wieħed mill-akkużati kaxkru mill-art biex jimsaħ id-demm.
L-Ispettur Grech saħaq li fil-filmat, il-vittma kien għadu ħaj u kien qed jieħu n-nifs iżda beda jitlef ħafna demm, bil-konsegwenza li miet ftit tal-ħin wara.