Żewġt aħwa rnexxielhom iqajmu l-kumpanija ta’ missierhom fuq saqajha sabiex illum qed jinvestu €100,000 bil-għan li jkomplu jtejbu l-operat tal-kumpanija u l-ħiliet tal-ħaddiema.
Din l-istorja mill-isbaħ ġiet spjegata waqt żjara mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli fil-kumpanija Techniplast, f’Kordin.
Kumpanija li tispeċjalizza fl-injection molding, il-blow molding u servizzi ta’ inġinerija tal-għodda, bħalissa qed tħejji pjan ta’ riġenerazzjoni.
Fil-fatt, waqt iż-żjara mill-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli, intqal kif wara li l-fundatur tal-kumpanija ħalla lil din id-dinja madwar sentejn ilu, iż-żewġ uliedu kellhom għażla. Dik li jħallu l-kumpanija tagħhom, jew inkella li jkomplu jaħdmu sabiex itejbu l-operat u jżommu l-kumpanija ħajja.
Quddiem din id-deċiżjoni, Marianne Micallef u AndreeAnn Cocks, għażlu li jkomplu b’ħidmet il-kumpanija għal għonq it-triq.
Sentejn wara, il-kumpanija li tħaddem madwar 20 persuna, kienet kruċjali għal pajjiżna hekk kif għenet tissupplixi l-fliexken f’pajjiżna sabiex jiġu mimlija bil-hand sanitizer.
Id-Direttur Maniġerjali Alan Cocks, waqt konferenza tal-aħbarijiet spjega wkoll li bħalissa l-kumpanija għaddejja minn proċess ta’ ristrutturar sabiex iżżid il-produttività u jonqsu l-ispejjeż. Dan flimkien ma’ investiment f’makkinarju ġdid u li jħares aktar l-ambjent.
Huwa qal, “Dan qed isir billi qed isir energy perfomance audit li ħa jtina l-possibiltà li nidentifikaw fejn jaqblilna nagħmlu ċertu investiment li eventwalment se jtina the highest return biex inkunu nistgħu nitfgħuhom fil-kumpanija stess u b’hekk naċċelleraw ir-re-engineering u r-riġenerazzjoni tal-kumpanija.”
Min-naħa tagħha l-Ministru Miriam Dalli sostniet li din il-kumpanija hija ta’ eżempju għal ħaddieħor fejn minkejja l-isfidi, bid-determinazzjoni, irnexxielha terġa’ tqum fuq saqajha.
Il-Ministru Dalli saħqet li l-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla għal dawn it-tip ta’ kumpaniji u negozji.
Hija sostniet: “Qed naraw li nkomplu nsaħħu l-miżuri ta’ sostenn li nagħtu għalhekk qed naraw kif nistgħu nsaħħu ferm aktar għajnuniet ta’ riġenerazzjoni ħalli l-kumpaniji Maltin ikunu jistgħu jikbru, jsaħħu l-operat tagħhom u jipprovdu servizzi u prodotti ta’ kwalità.”
Preżenti għal din iż-żjara attenda wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia. Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-ħidma ta’ din il-kumpanija li għażlet tissaħħaħ fi żmien pandemija.
Semma wkoll skemi tal-Malta Enterprise fosthom dik tal-Business re-engineering li hija mmirata li propju tgħin lin-negozji u kumpaniji jimirħu ’l quddiem.
Huwa stqarr: “Ix-xogħol tal-iskema tal-Business re-engineering propju se tkun qed tgħin biex il-Business kollu jħares lejn il-mudell li jopera sabiex jaraw li anke f’mumenti ta’ sfidi jsibu industrija reżiljenti u anke l-business tagħhom ikun preparat għall-futur.”