Żewġ żgħażagħ ta’ 21 sena ammettew l-involviment tagħhom f’serqa minn ġo maħżen fl-Imrieħel, li kien fil-mira tliet darbiet fi tliet xhur.
Huma ngħataw sentenza sospiża u tpoġġew taħt superviżjoni.
Carlos Pace mill-Marsa u Daniel Vella miż-Żejtun ammettew l-akkużi meta tressqu flimkien ma’ erbat irġiel oħra fil-21 ta’ Frar.
Il-Prosekuzzjoni nfurmat lill-Qorti li l-investigazzjonijiet bdew f’Ottubru li għadda, meta nsterqu xi sigaretti u affarijiet oħra mill-maħżen.
L-investigaturi rnexxielhom isibu numru ta’ oġġetti misruqa ġo vettura u ħanut ta’ raġel minn Ħaż-Żabbar, li sussegwentament, ġie akkużat li kien qed iżomm oġġetti misruqa.
Eventwalment, tressqu sitt persuni li lkoll wieġbu mhux ħatja ħlief iż-żewġ żgħażagħ, li nħelsu mill-arrest sakemm tingħata s-sentenza.
Disat ijiem wara, illum ikkonfermaw li huma ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, anki wara li ngħataw il-ħin biex jikkunsidraw l-ammissjoni tagħhom.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, ikkunsidrat li ż-żgħażagħ wieġbu ħatja mill-ewwel qabel ma tat is-sentenza.