Żewġt irġiel oħra ser jittellgħu l-qorti mixlija b’serq f’żewġ każijiet separati.
L-ewwel każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-4 ta’ waranofsinhar li fih ġie arrestat żagħżugħ ta’ 19 -il sena li joqgħod il-Ħamrun.
Il-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra kienu nfurmati li raġel ta’ 26 sena li joqgħod Birkirkara u kien qed iwassal l-ordnijiet tal-ikel fid-djar safa misruq wara li kien avviċinat minn raġel li talbu biex isarraflu xi flus.
Fil-ħin li l-vittma ħareġ xi karti tal-flus mill-but iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena ħatafhomlu u ħarab lejn blokka t’appartamenti fl-istess triq.
Minnufih intalbet l-assistenza tal-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra li marru mill-ewwel fuq il-post. Huma daħlu fil-blokka ta’ apparatmenti indikata mill-vittma u arrestaw lill-allegat ħalliel.
F’każ separat waqt ronda li l-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun kienu qegħdin jagħmlu fl-akwati ta’ Triq Telgħet il-Ġiżwiti, fil-Marsa, għall-ħabta tas-2:00 ta’ dalgħodu, innutaw ħanut tal-merċa bix-shutter sgassat u bid-dawl mixgħul.
Minnħabba suspett li qam, il-Pulizija waqfu u nnutaw xi ħġieġ mal-art u xi dmija. Kif ittawlu għal ġewwa raw persuna liebsa hoodie, tipprova taħrab lejn in-naħa ta’ wara tal-ħanut. Kien hawn li l-Pulizija ordnaw lil din il-persuna biex toħroġ mill-ħanut u ġiet arrestata.
Il-persuna ġiet identifikata bħala żagħżugħ ta’ 17-il sena. Minn tfittxija li saret fuqu, il-Pulizija sabu borża tal-plastik mimlija muniti u oġġetti oħra li kollha ġew elevati.
Dawn l-irġiel ġew arrestati ftit mumenti wara li twettqet is-serqa.