Żewġ żgħażagħ, wieħed ta’ 18-il sena u ieħor ta’ 19-il sena għadhom kif tressqu l-Qorti mixlija bi qtil u attentat ta’ qtil.
Dan b’rabta mal-isparatura li seħħet nhar l-Erbgħa bil-lejl, fl-akwati ta’ Ħal Millieri, fil-limiti taż-Żurrieq.
Fuq dan il-każ raġel ta’ 27 sena, Saviour Gaffarena nqatel u kuġinuh Vince Gaffarena ta’ 17-il sena spiċċa ferut l-isptar.
Iż-żewġ żgħażagħ kienu ġew arrestati f’Ħal Kirkop, inqas minn tliet sigħat wara li seħħ il-każ.
Huma tressqu l-Qorti ftit wara s-sebgħa ta’ filgħaxija.
Iż-żewġ persuni qed jitressqu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia.
Intant, wara sigħat twal ta’ tfittxijiet, kmieni dalgħodu, il-Pulizija qalet li sabet l-arma tan-nar li allegatament intużat fil-każ.
L-arma nstabet moħbija f’siġra f’għalqa f’Ħal Kirkop.
Il-kundizzjoni taż-żagħżugħ ta’ 17-il sena, li ntlaqat minn tir f’sidru u f’wiċċu għadha waħda gravi imma stabbli u għadu qed jiġi rikoverat fl-Isptar Mater Dei.
Aktar dettalji dwar dan il-każ jingħataw iżjed ‘il quddiem.