Ir-Reġina tal-Ingilterra se tippreżenta l-Queen’s Young Leaders Award lil żewġ żgħażagħ li jgħixu f’pajjiżna, Eman Borg u Vladyslava Kravchenko.
Dan il-premju jingħata lil dawk iż-żgħażagħ mill-pajjiżi tal-Commonwealth li bil-ħidma li jagħmlu jirnexxilhom iġibu bidla pożittiva fil-kommunità tagħhom.
Eman Borg huwa Għawdxi li fl-aħħar snin ħadem qatigħ b’risq il-komunità LGBTIQ. Fil-fatt il-proġett tiegħu kien jiffoka fuq l-introduzzjoni ta’ LGBTI ‘safe house’ bl-għan li tinħoloq struttura li toffri ambjent sigur għal persuni LGBTIQ li jkollhom bżonn xi servizz filwaqt li fl-istruttura jkunu jistgħu jittellgħu avvenimenti li jippromwovu l-inklużjoni, liema avvenimenti jkunu appoġġjati minn NGOs u organizazzjonijiet oħra relevanti.
Filwaqt li Vladyslava Kravchenko li hija Ukrena ħadmet ħafna biex tqajjem aktar kuxjenza dwar l-isports u persuni b’diżabilità. Fil-fatt Kravchenko wara inċident spiċċat f’siġġu tar-roti u kien minn dakinhar li ħadmet biex toħloq aktar kuxjenza u tippromwovi aktar kuxjenza.
Iż-żgħażagħ se jkunu qed jirċievu l-premju flimkien ma’ żgħażagħ oħra minn pajjiżi differenti tal-Commonwealth waqt ċerimonja fil-Palazz ta’ Buckingham nhar il-Ħamis 29 ta’ Ġunju.