Żewġ Rumeni ngħataw l-libertà kkundizzjonata wara li ammettew akkużi ta’ serq minn ħwienet.
Iż-żgħażagħ ta’ erbgħa u għoxrin, u dsatax-il sena rispettivament, ġew akkużati bħala l-moħħ u l-kompliċi wara serqa ta’ ħwejjeġ minn ħanut tal-ħwejjeġ fil-Fgura.
Il-każ seħħ fit-tlieta u għoxrin t’Awwissu, meta l-irġiel użaw kalamita b’saħħitha biex neħħew it-tikketti tas-sigurtà minn mal-ħwejjeġ waqt li kienu qed jippruvawhom.
Iż-żagħżugħ li kien akkużat b’kompliċità fil-każ ingħata l-libertà kkundizzjonata għal tmintax-il xahar, filwaqt li dak akkużat bħala l-moħħ wara s-serqa ngħata l-libertà kkundizzjonata għal sentejn.
Fiż-żewġ każijiet, li nstemgħu b’mod separat, il-Qorti wissiet lill-akkużati li jistgħu jispiċċaw il-ħabs jekk jiksru l-liġi fiż-żmien stipulat fis-sentenza li ngħataw.