Żewġ żgħażagħ ta’ 16-il sena, li kienu miżmuma taħt arrest preventiv wara li wieġbu mhux ħatja ta’ attakk vjolenti fil-Belt Valletta, ingħataw il-libertà proviżjorja wara li rreġistraw ammissjoni tal-ħtija.
L-inċident seħħ ix-xahar li għadda fi Triq il-Merkanti, u ħalla żagħżugħ b’sieq miksura. Iż-żewġ adoloxxenti, li isimhom ma jistax jiġi ppubblikat b’ordni tal-Qorti, baqgħu siekta f’awla mimlija nies, u taħt il-ħarsa attenta ta’ ommijiethom u l-qraba ta’ kull wieħed miż-żgħażagħ li li kienu fil-mira tal-attakk.
Fil-Qorti tal-Minorenni, il-Maġistrat Lara Lanfranco staqsiet lill-adoloxxenti kienux ċerti mill-ammissjoni, u t-tnejn wieġbu fil-pożittiv.
L-Avukat Franco Debono qal li l-akkużati huma żgħażagħ ta’ 16-il sena u kandidati ideali għal mekkaniżmi ta’ ġustizzja riformattiva. L-avukat Debono rrefera għal-leġiżlazzjoni li tippromwovi medjazzjoni bejn il-vittmi u l-akkużati.
Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għat-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest, sakemm jiġu imposti miżuri adegwati biex l-akkużati ma jersqux lejn il-vittmi u l-qraba tagħhom.