Żewġ żgħażagħ Maltin wieġbu li huma ħatja li saqu corvette ħamra f’pompa tal-petrol f’Għawdex u ħallsu għall-fjuwil bi flus foloz.
Zven Azzopardi, is-sewwieq ta’ 21 sena minn Bormla, u t-tfajla tiegħu, Shaznay Cassar ta’ 25 sena minn Birkirkara, ingħataw sentenzi ta’ ħabs sospiżi mill-Qorti wara li wettqu r-reat it-Tnejn li għadda waranofsinhar għall-ħabta tal-ħamsa.
Jirriżulta li l-Pulizija t’Għawdex interċettat lill-koppja wara li ġiet informata mill-pompa tal-petrol fix-Xewkija dwar dan.
Huma sabu li l-corvette kienet għadha pparkjata ftit ’l isfel mill-pompa tal-petrol. Mill-istess vettura ġew elevati aktar karti tal-flus foloz.
Azzopardi, li kien mixli separatament li kiser il-ħelsien mill-arrest kif ukoll li saq mingħajr liċenzja u polza tal-assigurazzjoni, ġie kkudannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u projbizzjoni ta’ sewqan għal 12-il xahar.
Il-Qorti kkundannat lit-tfajla sentenza ta’ 15-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin.