Żewġ żgħażagħ Żvediżi ta’ sbatax-il sena ġew arrestati mill-Pulizija ftit mumenti wara li allegatament wettqu serqa minn ħanut tal-ġojjellerija f’Buġibba.
Il-każ seħħ il-Ħamis għall-ħabta tal-erbgħa neqsin kwart ta’ waranofsinhar waqt li l-Pulizija kienu fuq ronda, fejn innotaw żewġ persuni li malli raw lill-Pulizija bdew iġibu ruħhom b’mod li qajjem suspett u ħarbu jiġru.
Kien għalhekk li ġrew warajhom u waqt li rnexxielhom jaqbdu wieħed minnhom, l-ieħor ħarab minn fuq il-post.
Fi stqarrija mill-Pulizija ntqal li fl-istess waqt, l-uffiċjali ġew infurmati li kienet għadha kemm seħħet serqa minn żewġ persuni minn ħanut fi Triq Dawret il-Gżejjer, f’Buġibba. B’dawn iż-żewġ persuni kienu jaqblu mad-deskrizzjoni tal-persuna arrestata u tal-oħra li ħarbet.
Meta ż-żagħżugħ arrestat kien qed jiddaħħal fil-vettura tal-Pulizija, allegatament deher jarmi oġġett, li rrizulta li kienet brazzuletta tad-deheb misruqa mill-ħanut.
Waqt li bdiet tfittxija għaż-żagħżugħ l-ieħor, sar magħruf fejn kien qiegħed joqgħod u minnufih il-Pulizija marru filpost. Hemmhek sabu liż-żagħżugħ u minn tfittxijiet li saru, fil-pussess tiegħu nstabu brazzuletta u arloġġ tad-deheb, li nsterqu wkoll mill-istess ħanut.
Iż-żewġ persuni mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.