Żewġ xufiera tat-taxis Maltin qalu li ma kinux jafu li l-Belġjani kellhom id-droga fuqhom.
Dan waqt li bdiet il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-kawża kontra żewġ Belġjani u żewġ Maltin akkużati bi traffikar ta’ għaxar kilogrammi kokaina.
Fil-Qorti ntqal kif wara ikla f’San Ġiljan, il-belġjan rikeb f’taxi li kienet qed tinstaq mill-Malti, Mario Vella bit-taxi twaqqfet mill-pulizija u fiha nstabu blokki bojod moħbijin f’basket. Basket ieħor simili nstab fil-kamra tal-lukanda fejn kienet qed toqgħod il-koppja.
Meta x-xufiera tat-taxis twaqqfu mill-pulizija, Vella qal li ma kellux idea x’kien fih il-basket u saħaq li kien Jason Mamo li talbu jiġbor il-Belġjan mil-lukanda.
Vella baqa’ jinsisti li ma kienx jaf bid-droga u li kieku kien jaf x’kien għaddej, bla dubju ma kienx jaċċetta jiġbor lill-Belġjan.