Raġel ta’ 39 sena li jgħix il-Ħamrun sofra ġrieħi gravi u raġel ta’ 56 sena li jgħix il-Mosta sofra ġrieħi ħfief, wara ħabta bejn karozza tal-linja u karozza tal-għamla Mercedes fil-Mellieħa.
Dan intqal fi stqarrija mill-Pulizija, fejn qalet kif l-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija fi Triq Selmun.
Fuq il-post mar tim mediku li ħa ż-żewġ xufiera lejn l-Isptar Mater Dei.
Intqal kif l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.
Fl-inċident kienet involuta wkoll karozza oħra, misjuqa minn Bulgaru ta’ 36 sena li jgħix San Pawl il-Baħar, iżda huwa ma sofra l-ebda ġrieħi.
Intant fi stqarrija, Malta Public Transport qalet li karozza ħabtet ma’ quddiem ta’ tal-linja wara li l-karozza kienet qed issuq bil-kontra f’karreġġjata.
Qalet li filmat minn kameras tas-sigurtà juri dan.
Il-kumpanija rringrazzjat lill-pulizija u t-timijiet mediċi li marru minnufih biex jgħinu fuq il-post.