Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu żewġ vetturi oħra fil-flotta tiegħu, biex tkompli tiġi ffaċilitata l-ħidma waqt operazzjonijiet li jieħdu sigħat twal.
L-investiment ta’ miljun u mitejn elf ewro tħabbar is-Sibt filgħodu mill-Ministru responsabbli mill-Intern, Byron Camilleri fl-istazzjon tat-tifi tan-nar tax-Xemxija.
Iż-żewġ vetturi jissejħu Breathing Apparatus Tender u Lighting Unit.
Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, spjega dwar il-BA Tender.
“Din għandha ħafna aktar u allura f’inċidenti kbar bħalma jkun xi high-rise building jew inkella fejn ikun hemm ħafna nies u għandna bżonn nagħmlu ħafna interventi, tforni biżżejjed ċilindri biex l-operazzjoni tibqa’ għaddejja mingħajr ma nieqfu. Il-vettura hija mgħammra b’kompressur kbir biex ikunu jistgħu jibdew jimtlew iċ-ċilindri waqt li jkunu qegħdin jitqassmu ċilindri l-oħra biex nidħlu għan-nies.”
Tkellem ukoll dwar it-tieni vetturi, li toffri dawl addizzjonali waqt operazzjonijiet li jsiru bil-lejl jew fid-dlam.
“Allura bħala loġistika tgħinna biex inkunu qegħdin f’pożizzjoni aħjar biex l-intervent isir aktar malajr. Jekk jinzerta li tfallilna l-vettura ta’ quddiem li tipprovdi d-dawl, hi tista’ tidħol u tieħu post biex b’hekk inkomplu naħdmu.”
Il-Ministru Camilleri semma kif dan l-investiment mhux iżolat, f’impenn ċar tal-Gvern li jagħti serħan il-moħħ lill-poplu Malti u Għawdxi.
“U dak tal-lum huwa investiment ieħor ta’ €1.2 million li qed naraw li ninvestu sabiex meta, Allaħares qatt, imma nafu li sfortunatament jiġru, ikun hemm inċidenti li jkun hemm bżonn il-protezzjoni ċivili, jistgħu jkunu fuq il-post fl-inqas ħin possibbli bl-aħjar għodda u taħriġ possibbli sabiex nagħtu s-sigurtà li hemm bżonn lill-Maltin u lill-Għawdxin kollha.”