Il-Pulizija Maltija flimkien mad-Dwana interċettat żewġ vetturi misruqa mill-Kanada u li nqabdu fil-Port Ħieles, f’pajjiżna.
Kienet il-Pulizija Kanadiża li l-ġimgħa l-oħra talbet għall-assistenza tal-Pulizija Maltija hekk kif kellha informazzjoni li ż-żewġ vetturi x’aktarx kienu f’kontejner fi triqithom lejn Malta sabiex imbagħad jittieħdu lejn Abu Dhabi.
Fuq din l-informazzjoni, illum, il-Pulizija marret fil-Port Ħieles u flimkien mal-uffiċjali tad-Dwana spezzjonaw tliet kontejners suspettużi permezz ta’ scanner.
Minħabba dak li deher fuq l-iscanner ma kienx jaqbel mad-dokumenti tal-kontejner, dawn infetħu u f’wieħed minnhom il-pulizija sabet il-vetturi misruqin, żewġ Lexus RX350.
L-uffiċjali tad-Dwana flimkien mal-pulizija fetħu wkoll żewġ kontejners oħra u fihom instabu aktar vetturi li ma kinux jaqblu mad-dokumenti.
Il-vetturi li nstabu huma Range Rover Velar, Ford Mustang GT u Ford F150.
Dwar dawn il-vetturi, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

