Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana, uffiċjalment inawgurat żewġ vannijiet bil-lifts ġodda biex jiġu wżati mill-Aġenzija Sapport sabiex jagħtu servizz għall-persuni b’diżabilità. B’kollox dawn il-vannijiet għandhom kapaċitàta’ sbatax-il persuna kull wieħed.
“Din hija konferma oħra tal-impenn tal-Gvern li jagħti servizz ta’ kwalità lil dawn il-persuni u li jgħin ukoll lill-familji tagħhom,” qalet Dr Caruana.
Esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-akkwist ta’ dawn il-vannijiet li jiffurmaw parti mill-programm ta’ tiġdid li għaddejkontinwament fil-qasam tal-aċċessibilità u sikurezza għall-persuni b’diżabilità anke meta dawn ma jkunux fl-infrastrutturi tal-Aġenzija Sapport. Hija qalet li dawn il-vannijiet il-ġodda huma biss il-bidu ta’ aġġornament sħiħ fil-qasam tat-transport għal dawn il-persuni. Hija fissret kif dan qed isir biex iżid is-sigurtà għall-persuni b’diżabilità fil-vettura permezz ta’ ċintorini ta’ sigurtà f’kull sedil skont l-istandards tal-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa u s-sigurtà.
Dawn il-vannijiet se jintużaw mill-istess aġenzija kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex u huma l-ewwel tnejn minn flotta li l-Aġenzija qed tippjana li jkollha fuq medda ta’ xhur. Dawn il-vannijiet ġodda se jaqdu klijenti tal-istess aġenzija biex imorru minn post għall-ieħor f’attivitajiet varji organizzati miċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum kif ukoll għad-diversi ħarġiet li jiġu organizzati mill-Aġenzija Sapport.
L-għan primarju tal-akkwist ta’ vannijiet bħal dawn huwa li jiġu mibdula l-vetturi kollha tal-flotta ma’ oħrajn ġodda, aktar komdi u armati bl-aħħar teknoloġija fejn jidħol trasport u ċaqliq ta’ persuni b’diżabilità. Is-servizz ta’ trasport preżenti mhux se jiġi affetwat permezz ta’ dawn l-akkwisti u ser jibqa’ għaddej b’mod normali.
Is-Segretarju Parlamentari ferħet lill-Aġenzija għal dan l-akkwist li permezz tiegħu se jgawdu kemm il-persuni b’diżabilità kif ukoll l-ħaddiema li jassistuwhom fiċ-ċentri u fil-ħarġiet tagħhom billi dawn il-vetturi jiffaċċilitawlhom xogħolhom.