Żewġ uffiċjali tal-infurzar tat-Transport Malta ġew sospiżi hekk kif bdiet investigazzjoni dwar filmat li allegatament juri uffiċjali ta’din l-aġenzija jħebbu għal sewwieq fil-Marsa.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Ministru għat-Trasport Aaron Farrugia, ikkundanna l-aġir ta’ dawn l-uffiċjali.
“Nikkundanna bis-sħiħ dan l-aġir u ġejt infurmat li l-uffiċjali inkwistjoni ġew sospiżi sakemm issir investigazzjoni interna minn Transport Malta kif ukoll investigazzjoni mill-Pulizija,” qal il-Ministru Farrugia.
Fil-filmat li ttella’ mis-sit Lovin Malta, jidhru żewġ uffiċjali jħebbu għas-sewwieq.
Ġie rrappurtat li dan il-filmat ittieħed fis-26 ta’ Ottubru li għadda għall-ħabta tad-9.30pm,u jidher li s-sewwieq kien twaqqaf minħabba suspett ta’ sewqan taħt l-influwenza tax-xorb.
Ritratt: Lovin Malta