Żewġ uffiċjali tal-Pulizija ġew akkużati bil-qtil involontarju ta’ Richard Tong waqt li kien arrestat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana f’Ġunju tal-2020.
Tong, li kellu 35 sena, miet wara li tah attakk tal-puplesija, minkejja li kien beda jingħata l-assistenza medika.
Iż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija – Stacy Gatt ta’ 28 sena, li toqgħod Ħaż-Żebbuġ u Karl Nikolai Vella Cassia ta’ 35 sena, li joqgħod ir-Rabat – dehru quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke. Vella Cassia ġie mixli wkoll li xehed falz taħt ġurament quddiem il-Maġistrat li mexxiet l-inkjesta.
Iż-żewġ akkużati, li jinsabu sospiżi mix-xogħol sakemm jintemm il-każ, wieġbu li mhux ħatja.
Il-każ se jkompli jinstema’ f’Settembru.