It-toroq biswit is-santwarju Ta’ Pinu, dawk ta’ triq Birbuba u Triq ta’ Sdieri fl-Għarb ġew irranġati u ngħataw it-tarmak b’investiment ta’ tlett mija u sebgħin elf ewro.
Dawn iż-żewġ toroq huma parti minn kullana ta’ toroq li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed ikompli jirranġa b’investiment bla preċedent madwar il-gżira Għawdxija.
Wara li nbidlulha s-servizzi, Triq Birbuba, l-Għarb, ġiet irranġata u ngħatat it-tarmak. Min-naħa l-oħra, Triq ta’ Sdieri tħammlet sal-blat, inbena walk-in culvert għas-servizz tad-dawl u reġa’ ġie mgħoddi s-servizz tad-drenaġġ u tal-main tal-ilma. Barra minn hekk, inbnew mill-ġdid il-ħitan tal-ġnub tat-triq.
F’kummenti l-Ministru għal Għawdex qal kif issa rridu naraw li b’mod perjodiku jsiru manutenzjonijiet fuq toroq bħal dawn biex b’hekk ma jispiċċawx.
“It-toroq isir manutenzzjoni fuqhom b’mod perjodiku sabiex propju ma narawx issa li dawn ix-xogħlijiet li diġa’ qegħdin isiru jispiċċaw tul is-snin. Għaldaqstant inħarsu ‘l quddiem għal aktar ħidma infrastrutturali, anke fid-dawl tal-Budget 2022 fejn propju jalloka 27 miljun għall-proġetti kapitali li propju 11-il miljun ewro huma ddedikati għall-infrastruttura, partikolarment it-toroq” saħaq il-Ministru Camilleri.