It-timijiet Maltin tal-futbol ta’ Gżira United u Ħamrun Spartans irnexxielhom jikkwalifikaw għat-tielet rawnd tal-UEFA Europa Conference League meta għelbu lill-F91 Dudelange tal-Lussemburgu u lil Dinamo Tbilisi tal-Georgia.
It-tim mill-Gżira kien l-ewwel li għadda għar-rawnd li jmiss ta’ din il-kompetizzjoni Ewropea, hekk kif fuq żewġ logħbiet, l-iskor kien ta’ tlieta bi tnejn. Dan hekk kif f’Ta’ Qali, Gżira għelbu lit-tim mil-Lussemburgu bl-iskor ta’ tnejn b’xejn. Waqt li nhar l-Erbgħa, barra minn daru, it-tim Malti tilef bl-iskor ta’ tnejn b’wieħed, iżda xorta għadda bl-iskor finali.
ONE News tkellem mal-kowċ ta’ Gżira, Darren Abdilla dwar dan.
“Tagħtik ċertu sodisfazzjon, kemm personali, kif ukoll bħala klabb, li dejjem kemm jista’ jkun tgħaddi rawnds f’dawn il-kompetizzjonijiet li mhux kulħadd kien ikollu opportunità fihom. Jiġifieri nħarsu ’l quddiem u nħossuna kuntenti ħafna li wasalna s’hawn s’issa”.
Dan filwaqt li Ħamrun Spartans għaddew għar-rawnd li jmiss, il-Ħamis wara li għelbu lit-tim mill-Georgia fuq żewġ logħbiet bl-iskor ta’ tlieta b’wieħed.
F’Malta, iċ-champions renjanti lokali Ħamrun rebħu bl-iskor ta’ tnejn b’wieħed, waqt li fil-Georgia, huma għelbu lill-avversarji bl-iskor ta’ wieħed b’xejn. F’din il-logħba tal-aħħar, Ħamrun Spartans għamlu taqsima sħiħa bi plejer inqas.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv ta’ Ħamrun Spartans, Marcel Bonnici, fejn esprima s-sodifazzjon tiegħu u tal-klabb Ħamruniż għal dan ir-riżultat.
“Sodisfazzjon li ġej mill-fatt li ħadniha ma’ klabb li hu ferm akbar minna, klabb li fit-tmeninijiet rebaħ kompetizzjoni Ewropea. Jiġifieri r-riżultat tal-bieraħ kien l-ewwel darba li klabb Malti rebaħ klabb li fl-istorja tiegħu kien rebaħ kompetizzjoni Ewropea.”
Fir-rawnd li jmiss, Gżira United se jiffaċċjaw lil Viktoria Plzen tar-Repubblika Ċeka, waqt li Ħamrun Spartans iridu jaffrontaw lil Ferencvaros mill-Ungerija.