Fl-investigazzjoni tal-Pulizija b’rabta mal-qtil ta’ Paulina Dembska, li akkużat bih hemm Abner Aquilina, żewġ tfajliet allegaw li Aquilina kien jikkuntattjahom fuq il-pjattaforma Instagram u saħansitra jintimidahom.
Dan qalu s-Surġent Malcolm Pace hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Abner Aquilina, li qed ikun akkużat bil-qtil ta’ Paulina Maria Dembska ftit inqas minn sena ilu.
Meta kompliet il-kumpilazzjoni, l-imputat, waqt li kien fl-awla, indirizza lil ommu u qallha biex ma toqgħodx tibki.
Intant, hekk kif kien qed jixhed, is-Surġent Malcolm Pace ippreżenta 21 ritratt b’rabta mal-allegat kuntatt li Aquilina kellu maż-żewġ tfajliet imsemmija, li xtaqu jibqgħu anonimi.
Pace tkellem ukoll dwar ix-xena tar-reat dakinhar tad-delitt, u qal li din ġiet ippriservata sewwa.
Spjega wkoll li żar ill-ħostel fejn kienet toqgħod il-vittma biex jistħarreġ aktar l-identità tagħha. Huwa qal li fil-kamra mal-vittma kienu qed joqogħdu tlie ġuvintur mill-Ġermanja, il-Belġju, u r-Renju Unit. Fil-fatt, il-Belġjan qal li hu kien l-aħħar li ra lill-vittma.