Is-sena l-oħra, 83% tal-Maltin għamlu użu mill-Internet, li tfisser żieda ta’ 12-il punt mill-2014.
Dan hekk kif fl-2014, 71% wieġbu li jagħmlu użu mill-Internet.
Bl-iktar grupp li għamel użu mill-Internet, kien il-grupp ta’ dawk li għandhom 18 u 24 sena, hekk kif wieġbu li kollha kemm huma użaw l-Internet. Bl-inqas grupp li qalu li jużaw l-Internet ikunu dawk li għandhom ‘il fuq minn 65 sena.
Dan skont stħarriġ li sar mill-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni bejn Awwissu u Settembru li għadda, fejn ħadu sehem 772 persuna.
F’dan l-istħarriġ ħareġ ukoll kif l-aktar mezz li bih jużaw l-internet huwa fuq l-ismartphones.
Meta mistoqsija, għalfejn jużaw l-internet, dawk li wieġbu qalu li l-aktar li jsewgu fuq l-internet huwa sabiex isegwu l-aħbarijiet, wara jsegwu l-midja soċjali, ir-riċerka, l-internet banking u biex jixtru b’mod online.
Dwar ix-xiri online, in-nies l-iżjed li xtraw kienu ħwejjeġ, ikel take-away, kotba, affarijiet teknoloġiċi u appliances.