Aktar minn żewġ terzi tal-Maltin qalu li pajjiżna miexi fid-direzzjoni t-tajba. Din iċ-ċifra hija ogħla ferm minn dik tal-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li hija 37 fil-mija.
Dan ħareġ minn studju tal-Ewrobarometru, studju madwar l-Unjon Ewropea kollha kkummissjonat mill-Parlament Ewropew li sar bejn April u Mejju, fl-eqqel tal-kriżi internazzjonali, minħabba l-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa.
Minn dan l-Ewrobarometru ħareġ ukoll kif kważi tliet kwarti tal-Maltin qalu li jinsabu sodisfatti b’kif taħdem id-demokrazija f’pajjiżna. Il-medja tal-Unjoni Ewropea hija sostanzjalment iktar baxxa, 60 fil-mija.
Kważi 80 fil-mija tal-Maltin qalu li l-vuċi tagħhom tgħodd, waqt li l-medja tal-Unjoni Ewropea hija ta’ 65 fil-mija.
Dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, il-Maltin kienu fost l-iżjed fl-Unjoni Ewropea li qalu li qed isegwu dak li qed jiġri; wieġbu hekk iżjed minn tliet kwarti tal-Maltin, waqt li l-medja tal-Unjoni Ewropea hija ta’ 72 fil-mija.
Dwar kif iħossuhom, il-Maltin esprimew sens ta’ fiduċja, ottimiżmu, u serenità.
Il-maġġoranza tal-Maltin jaqblu wkoll li, minħabba l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, għandu jitħaffef il-proċess sabiex pajjiżi jissieħbu fl-Unjoni Ewropea, 64 fil-mija tal-Maltin esprimew ruħhom favur dan il-proċess, filwaqt li l-medja tal-Unjoni Ewropea hija ta’ 58 fil-mija.
Minn dan l-Ewrobarometru ħareġ ukoll li, għall-Maltin, it-trażżin tal-prezzijiet u tal-għoli tal-ħajja għandha tkun prijorità, anki jekk dan jaffettwa l-ħarsien tal-valuri komuni Ewropej. Dan is-sentiment tal-Maltin huwa differenti minn dak tal-maġġoranza tal-pajjiżi l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea.