L-istess konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Chris Fearne qal li mis-Sibt li ġej se jitwaqqfu operazzjonijiet mhux ta’ emerġenza biex il-ħaddiema fl-isptar ikunu jistgħu jgħinu fi tliet taqsimiet għall-kura intensiva li pajjiżna għandu għall-Coroanvirus.
Il-Ministru għas-Saħħa ħabbar dan fl-isfond ta’ żieda fil-każijiet ta’ Covid-19 ddominati mill-varjant Ingliż.
Fil-fatt spjega li kważi żewġ terzi tal-każijiet il-ġodda qed ikunu tal-varjant Ingliż.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal, “Il-varjant il-ġdid mhux perikoluż individwalment iżda huwa iktar kontaġġjuż, jiġifieri persuna bil-varjant Ingliż jista iwaslu u ffirxu għal aktar persuni milli kien jiġri meta l-varjant oriġinali kien preżenti.”
Fit-taqsimiet għall-kura intensiva, id-Deputat Prim Ministru spjega wkoll li bħalissa hemm 22 persuna pożittivi għall-Covid-19 li qed jieħdu l-kura.
Chris Fearne saħaq fuq l-effettività tal-vaċċin: “Il-programm ta’ tilqim tagħna sejjer tajjeb ħafna, jinsab on track, u r-riżultati li qed joħorġu anke minn pajjiżna issa jindikaw b’mod ċar ħafna li t-tilqim taħdem.”
Chris Fearne tkellem ukoll fuq ċifri aġġornati għal dawk li għandhom 80 sena jew aktar u li tlaqqmu.
Qal li tlaqqmu 82% minnhom u aktar min-nofs il-persuni vulnerabbli wkoll tlaqqmu kontra l-Covid-19.
Huwa temm jispjega wkoll li dalwaqt l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini mistennija tapprova r-raba’ vaċċin tal-Johnson and Johnson.
Min-naħa tagħha s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci sostniet li r-rata ta’ mortalità f’Malta hija waħda baxxa.
Il-Prof. Gauci spjegat: “Jekk inħarsu lejn l-imwiet li qed ikollna, huma numru ta’ mewt li aħna nistgħu naraw kif nipprevjenu. Però jekk tħares lejn il-kriżi ta’ mortalità f’Malta meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra, aħna qegħdin l-għoxrin post fl-Unjoni Ewropea fejn għandek pajjiżi oħrajn kbar bħal Spanja, Franza, l-Italja li għandhom rati li huma ħafna iktar minn tagħna.”
Il-Professur Gauci temmet tappella għar-responsabbiltà favur l-osservanza tal-miżuri mħabbra.
Hija sostniet: “Huwa varjant li huwa trasmissibbli ħafna aktar milli nafu li kellna qabel. Dan ix-xenarju mhux qed narawh biss f’Malta imma qed narawh f’pajjiżi oħra. Allura nappellaw għar-responsabbiltà minn kulħadd.”